IL-QADDISIN KOLLHA
Ix-xirka tal-qaddisin
Fil-Kredu aħna nistqarru li nemmnu fix-Xirka (jew l-Għaqda) tal-Qaddisin. Imma min huma dawn il-“qaddisin”? Dawn mhuma ħadd ħlief dawk kollha li rċevew il-Magħmudija ta’ Kristu. Mela fosthom hemm aħna wkoll! Imma aħna “qaddisin”? Il-kelma “qaddis” fit-tifsira oriġinali, jew biblika, tagħha tfisser “magħżul”. Alla għażilna għalih u kkonsagrana permezz tal-Magħmudija biex jaqsam magħna l-imħabba tiegħu. Hekk kien isejħilhom San Pawl lill-Insara ta’ żmienu meta fil-bidu u t-tmiem tal-Ittri tiegħu kien isellmilhom u jselli għalihom. Issa dawn il-“qaddisin” jinqasmu fi tliet kategoriji: (1) hemm dawk li diġà qegħdin igawdu ’l Alla fl-hena ta’ dejjem (minoranza żgħira ta’ dawn huma l-qaddisin ikkanonizzati tal-Knisja li tagħhom niċċelebraw il-festi matul is-sena); (2) hemm dawk li għad fadlilhom jissaffew ftit ieħor qabel ma jidħlu fl-hena ta’ dejjem; (3) hemm ukoll aħna li għadna nterrqu f’din id-dinja, aħna u nistennew bit-tama li għad immorru ngawdu ’l Alla fl-hena ta’ dejjem. Dawn it-tliet kategoriji flimkien jiffurmaw il-Knisja ta’ Kristu. Fl-ewwel ta’ Novembru l-Knisja tiċċelebra l-festa tal-ewwel kategorija ta’ Nsara u titlobhom jitolbu għalina. Fost dawn hemm qraba u ħbieb tagħna li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi. Fit-2 ta’ Novembru, imbagħad, nitolbu għall-Insara tat-tieni kategorija, dawk li għandhom bżonn it-talb tagħna għax għadhom jissaffew fil-purgatorju. Is-silta tal-Vanġelu hija dik tal-beatitudnijiet kif iwassalhomlna San Mattew. Min, f’din id-dinja, jagħmel ħiltu biex jgħix il-beatitudnijiet tal-Vanġelu jkun hieni u jkun qed jgħix il-grazzja tal-Magħmudija u jkun jixraqlu li jissejjaħ Nisrani.