KATEKEŻI 9
L-Għażla Preferenzjali għall-Foqra
Dan huwa prinċipji ewlieni ieħor tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, li jfakkarna li Alla juri mħabba u attenzjoni speċjali lejn dawk li huma vulnerabbli jew mwarrba. Għalhekk il-Knisja ssejħilna biex npoġġu l-bżonnijiet tal-foqra fil-qalba tad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħna. Ma jfissirx li għandna nħobbu l-foqra aktar mill-oħrajn, iżda li għandha tingħata prijorità lil dawk li d-dinjità tagħhom hija l-aktar mhedda.
L-għeruq ta’ dat-tagħlim jinsabu fil-Bibbja, b’mod speċjali fis-sejħa tal-profeti favur il-ħarsien tad-drittijiet tal-foqra, tal-iltiema u tar-romol. Per eżempju, il-profeta Isaija jgħid: “Tgħallmu għamlu t-tajjeb, fittxu d-dritt, sewwu l-inġustizzji, iddefendu l-iltim, aqbżu għall-armla” (Isaija 1:17). Din il-kura speċjali għall-foqra tidher b’mod ċar f’Ġesù li, fil-bidu tal-ministeru tiegħu, stqarr: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi … Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u … nrodd il-ħelsien lill-maħqurin” (Luqa 4:18). Tul il-ħajja tiegħu, Ġesù wera ħniena lejn l-imwarrba u reġa’ ta d-dinjità lil ħafna li kienu mċaħħda minnha.
Il-Knisja tkompli din il-ħidma ta’ Ġesù kemm fil-ħidma prattika tagħha, kif ukoll permezz tat-tagħlim soċjali tagħha. L-għażla preferenzjali għall-foqra, li Ġwanni Pawlu II jispjegaha bħala “għażla, jew forma speċjali ta’ eżerċizzu ewlieni ta’ karità Nisranija” li t-tradizzjoni sħiħa tal-Knisja tixħed għaliha (Sollicitudo Rei Socialis, 42), mhijiex limitatà biss għall-faqar materjali. Il-faqar jista’ jieħu ħafna forom: nuqqas ta’ ikel, xogħol jew dar, iżda wkoll faqar spiritwali, solitudni, esklużjoni jew nuqqas ta’ opportunitajiet. Tinvolvi għalhekk kemm karità kif ukoll ħidma favur il-ġustizzja, jiġifieri, solidarjetà mal-fqar biex ngħinuhom ibidlu s-sistemi u l-kundizzjonijiet li joħolqu l-faqar u l-eskluzjoni. Papa Franġisku jfakkarna li aħna msejħin biex inkunu “għodda f’idejn Alla għall-ħelsien u l-promozzjoni tal-foqra, biex hekk dawn jistgħu jintegraw ruħhom għal kollox fis-soċjetà; dan jitlob li nkunu … attenti biex … nisimgħu l-karba tal-fqir u nħaffu ngħinuh” (Evangelii Gaudium, 187). Fl-aħħar mill-aħħar, dan il-prinċipju jistiedinna naraw lil Kristu fil-foqra u biex nagħtu xhieda konkreta tal-imħabba ta’ Alla fid-dinja. Kif jgħid Ġesù: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mattew 25:40).
Fr Raymond Zammit