Go to content

Katekezi8 - Jum il-Mulej

KATEKEŻI 8

Kulħadd għandu sehem x’jagħti

Il-prinċipju tal-parteċipazzjoni huwa wieħed mill-elementi fundamentali li jiggwidaw il-ħajja soċjali u politika tal-bniedem. Kull persuna għandha kemm id-dritt kif ukoll id-dmir li tieħu sehem attiv fil-ħajja tal-komunità, billi tikkontribwixxi għall-iżvilupp tagħha f’diversi oqsma. Il-parteċipazzjoni hija  “implikazzjoni karatteristika tas-sussidjarjetà” li permezz tagħha l-bniedem “kemm bħala individwu kif ukoll flimkien ma’ oħrajn, kemm direttament jew permezz ta’ rappreżentanza, jikkontribwixxi għall-ħajja kulturali, ekonomika, politika u soċjali tal-komunità ċivili li jappartjeni għaliha” (Kompendjum tat-Tagħlim Soċjali, 189). Il-parteċipazzjoni hija “impenn volontarju u ġeneruż tal-persuna fir-relazzjonijiet soċjali tagħha” u kulħadd għandu jikkontribwixxi għall-ġid komuni skont ir-rwol tiegħu (Katekiżmu, 1913). Għandna noħorġu minn moralità individwalistika sabiex nirrispettaw “l-obbligi tal-ġustizzja u l-imħabba” li jitwettqu biss jekk kull persuna tikkontribwixxu għall-ġid komuni skont il-ħiliet tagħha u skont il-bżonnijiet tal-oħrajn, u b’hekk tgħin lil istituzzjonijiet privati u pubbliċi li huma dedikati biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja umana (Gaudium et spes, 30). Fil-familja, fil-parroċċa, u fil-komunità ċivili u politika, Alla jsejħilna mhux biex inkunu spettaturi passivi, iżda biex inkunu bennejja ta’ dinja aktar ġusta u mimlija solidarjetà. L-Iskrittura tfakkarna li kull wieħed għandu sehem x’jagħti billi nqegħdu d-doni li Alla fdalna għas-servizz tal-komunità. San Pawl jgħid li aħna “ġisem wieħed b’ħafna membri”, fejn kull wieħed għandu rwol għall-ġid tal-oħrajn (Rumani 12:4–8; 1 Korintin 12:7). Bl-istess mod, San Pietru jħeġġeġ: “Kull wieħed juża d-don li rċieva biex jaqdi lill-oħrajn” (1 Pietru 4:10). Il-Knisja tfakkar, per eżempju, fid-dmir taċ-ċittadini li jivvutaw, u fid-dmir tal-lajċi li jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja u l-missjoni tagħha (Lumen Gentium, 31; Christifideles Laici, 15).
Ladarba l-parteċipazzjoni hija espressjoni konkreta tad-dinjità tal-bniedem, kull soċjetà għandha toħloq strutturi politiċi ġusti u kundizzjonijiet li jippermettu lill-persuni jieħdu sehem fis-soċjetà u fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw lil ħajjithom. Meta persuni jew gruppi jiġu esklużi milli jipparteċipaw (minħabba faqar, diskriminazzjoni jew nuqqas ta’ opportunitajiet) id-dinjità tagħhom tkun mhedda u tikber l-inġustizzja.



Fr Raymond Zammit
Back to content