KATEKEŻI 6
Is-Solidarjetà
Aħna marbuta u niddependu fuq xulxin, u għalhekk is-solidarjetà hija “esiġenza diretta tal-fraternità umana u Nisranija” (Katekiżmu, 1939), kemm fil-ġid materjali, kif ukoll fil-ġid spiritwali (Katekiżmu, 1942). Hija prinċipju soċjali kif ukoll virtù morali li twassalna biex nibdlu l-“istrutturi tad-dnub” fi “stutturi ta’ solidarjetà” (Kompendju, 193).
L-għeruq ta’ dan il-prinċipju jinsabu fl-Iskrittura. Fl-Inkarnazzjoni, Alla juri solidarjetà mal-bniedem billi jsir wieħed minna. Fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, Ġesù juri li l-imħabba lejn il-proxxmu ma għandhiex fruntieri soċjali, kulturali jew reliġjużi. San Pawl ukoll ifakkarna li aħna ġisem wieħed: “jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu” (1 Kor 12:26).
San Ġwanni Pawlu II jiddeskrivi s-solidarjetà bħala “determinazzjoni soda u perseveranti li wieħed jimpenja ruħu għall-ġid komuni… għax aħna lkoll responsabbli għal xulxin.” Twassalna biex naraw lill-ieħor mhux bħala rivali jew piż, iżda bħala “proxxmu” u “għajnuna” (ara Ġen 2:18.20) li “għandu sehem daqsna mill-mejda tal-ħajja.” Il-paċi, għalhekk, mhix biss “frott il-ġustizzja” (motto ta’ Piju XII), iżda tista’ tissejjaħ “frott is-solidarjetà” (Sollicitudo Rei Socialis, 38-39).
Papa Benedittu XVI jiġbdilna l-attenzjoni għas-solidarjetà fl-ekonomija: “mingħajr forom interni ta’ solidarjetà u fiduċja reċiproka, is-suq ma jistax iwettaq bis-sħiħ il-funzjoni ekonomika tiegħu”;
“ir-relazzjonijiet soċjali umani ta’ ħbiberija, solidarjetà u reċiproċità jistgħu jseħħu ukoll fuq ġewwa tal-attività ekonomika, u mhux biss ’il barra minnha”; “fir-relazzjonijiet kummerċjali l-prinċipju tal-gratwità u l-loġika tad-don bħala tifsira ta’ fraternità jistgħu u għandhom isibu posthom fl-attività ekonomika normali.” Din “hija talba kemm tal-imħabba kif ukoll tal-verità” (Caritas in Veritate, 35-36).
Papa Franġisku jistiedenna biex nerġghu niskopri l-fraternità u nibni “kultura ta’ inkontru” li twaqqa’ l-ħitan li jifirdu u li minflok tqarreb u tlaqqa’. Is-solidarjetà tfisser li “naħsbu u naġixxu bħala komunità”, billi nagħtu attenzjoni speċjali lill-foqra u lill-vulnerabbli, u billi naħdmu kontra l-kawżi strutturali tal-faqar u l-inugwaljanza (Fratelli Tutti, 116). Tistedinna biex immorru lil hinn mill-karità, u nsaqsu għala hemm min jinsab fil-bżonn, u kif nistgħu nbiddlu strutturi inġusti li jżommu l-bnedmin fil-faqar.
Fr Raymond Zammit