Go to content

Katekezi5 - Jum il-Mulej

KATEKEŻI 5

Imsejħin biex insaħħu l-Ġid komuni

Wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja huwa dak tal-ġid komuni, li jfakkarna li l-bniedem huwa membru ta’ familja umana mibnija fuq relazzjonijiet ta’ interdipendenza. Maħluq fix-xbieha ta’ Alla, il-bniedem huwa maħluq għall-komunjoni, fuq il-mudell tat-Trinita. Kif ifakkarna San Pawl, aħna ġisem wieħed b’ħafna membri (Rumani 12:4-5).
Il-Konċilju Vatikan II jiddefinixxi l-ġid komuni bħala l-ġabra ta’ dawk il-kundizzjonijiet soċjali li jippermettu lill-individwi u lill-gruppi jilħqu l-milja tagħhom b’mod aktar sħiħ u aktar faċli (Gaudium et spes, 26). Dan ifisser il-ġid ta’ kulħadd, speċjalment ta’ min hu l-aktar dgħajjef, u mhux sempliċement l-akbar ġid għall-akbar numru ta’ nies. Dan jinvolvi wkoll aċċess għall-ikel, l-ilma, is-saħħa u l-edukazzjoni.
Il-Katekiżmu jenfasizza tliet elementi ewlenin. L-ewwel, hemm ir-rispett lejn il-persuna u d-drittijiet invjolabbli tagħha (1907). It-tieni, hemm il-benesseri u l-iżvilupp tal-komunità, li jitlob mill-awtorità pubblika li tibbilanċja l-interessi differenti b’mod ġust (1908). It-tielet, hemm il-paċi, jiġifieri ordni ġust, stabbli u sigur, li jippermetti d-difiża tal-persuni u tal-komunitajiet (1909). Għalhekk, il-ġid komuni jitwettaq primarjament fil-komunità politika, u l-Istat għandu d-dmir li jħarsu u jippromwovih (1910). Kif fakkar Ljun XIII, “l-awtorità ċivili ma għandhiex taqdi l-interessi ta’ wieħed biss jew ta’ ftit meta hija ġiet imqiegħda għall-ġid ta’ kulħadd” (Immortale Dei, 5).
Ġwanni XXIII jtenni li l-mexxejja għandhom iqisu dak kollu li jiffavorixxi l-iżvilupp tal-persuna (Mater et magistra, 65), għax il-ġid komuni essenzjalment għandu x’jaqsam man-natura tal-bniedem, u jmiss kemm il-bżonnijiet materjali kif ukoll dawk spiritwali tal-bniedem (Pacem in terris, 48). Għalhekk, l-izvilupp ma jistax jiġi limitat għat-tkabbir ekonomiku; għax bħal ma jgħidilna Pawlu VI: “biex jista’ jissejjaħ żvilupp tassew għandu jkun sħiħ, jiġifieri għandu jaħseb għall-ġid ta’ kull bniedem u tal-bniedem kollu” (Populorum progressio, 14). B’hekk, il-ġid komuni huwa marbut mal-“ekoloġija umana” (Laudato si’, 156) u jinkludi responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet futuri (Laudato si’, 159).
Fl-aħħar nett, il-ġid komuni jfisser li nibnu ċiviltà ta’ imħabba fejn id-dinjità ta’ kull persuna tiġi rikonoxxuta u kulħadd ikun jista’ jagħti sehem siewi għall-ġid ta’ kulħadd.

Fr Raymond Zammit
Back to content