KATEKEŻI 31
Il-Futur tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja
Hekk kif nagħlqu din is-sensiela dwar it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, tqum mistoqsija naturali: kif jista’ dan it-tagħlim jibqa’ rilevanti f’dinja li qed tinbidel b’pass mgħaġġel?
L-intelliġenza artifiċjali, il-kriżijiet ambjentali, il-pandemiji u l-globalizzazzjoni joħolqu sfidi ġodda. Madankollu, it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja mhuwiex sistema magħluqa jew ġabra ta’ ideat marbuta ma’ żmien wieħed. Huwa tradizzjoni ħajja, “tagħlim wieħed, koerenti u fl-istess ħin dejjem ġdid” (Caritas in veritate, 12; Sollecitudo rei socialis, 3; Kompendju, 85), li japplika veritajiet permanenti għaċ-ċirkustanzi ta’ kull żmien. Fil-qalba tiegħu hemm il-prinċipji tad-dinjità tal-persuna umana, tal-ġid komuni, tas-sussidjarjetà u tas-solidarjetà: “il-prinċipji permanenti tad-duttrina soċjali tal-Knisja” (Kompendju, 160). Dawn ma jinbidlux għaliex huma msejsa fl-Evanġelju u fil-fehma Nisranija tal-bniedem maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla. Dak li jinbidel huwa l-mod kif jiġu applikati. Il-prinċipju tad-destinazzjoni universali tal-ġid, pereżempju, illum m’għandux jinkludi biss l-art u l-ġid materjali, iżda wkoll il-ġid immaterjali u kulturali, bħal “patents, algoritmi, pjattaformi diġitali, infrastruttura teknoloġika u dejta” (Magnifica humanitas, 65-67), u allura “jfisser li nsibu modi kif niżguraw aċċess universali kemm għat-teknoloġiji kif ukoll għall-edukazzjoni meħtieġa biex jintużaw” (Magnifica humanitas, 109).
Għalhekk, il-Knisja trid tkompli taqra s-“sinjali taż-żminijiet” fid-dawl tal-Evanġelju, kif talab il-Konċilju Vatikan II (Gaudium et spes, 4). Dan id-dixxerniment għandu jolqot ukoll l-ekonomija, ix-xjenza u l-politika. L-avvanzi teknoloġiċi ma jistgħux jitqiesu tajbin sempliċement għax huma possibbli jew effiċjenti. Għandhom jiġu evalwati skont jekk iħarsux id-dinjità tal-bniedem, jekk jippromwovux il-ġustizzja u jekk iservux lill-ġid komuni.
Il-futur ta’ dan it-tagħlim jiddependi wkoll mil-lajċi u mill-komunitajiet lokali. Il-Maġisteru ma jistax jipprovdi soluzzjoni waħda għal kull sitwazzjoni. Il-komunitajiet Insara għandhom jeżaminaw ir-realtà tagħhom, idawluha bil-Kelma ta’ Alla u jisiltu kriterji għall-ġudizzju u għall-azzjoni mit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja (Octagesima adveniens, 4; Evangelii gaudium, 184). B’hekk, il-lajċi jkunu jistgħu jersqu lejn l-“unità tal-ħajja” billi ma jifirdux il-fidi mill-ħajja, u l-Evanġelju mill-kultura, għax il-firda bejn il-fidi u l-ħajja ta’ kuljum “jistħoqqilha titqies fost l-iżbalji l-aktar serji ta’ żmienna” (Christifidelis laici, 59).
Il-futur tat-Tagħlim Soċjali Kattoliku huwa għalhekk futur ta’ tama, fejn il-prinċipji dejjiema tal-Evanġelju jsiru tweġiba konkreta għar-realtajiet ġodda tad-dinja. B’dan il-mod, il-Knisja tista’ tibqa’ leħen profetiku li jiddefendi lill-bniedem u jorjenta l-progress lejn ċiviltà vera tal-imħabba, tal-ġustizzja u tal-fraternità universali.
Fr Raymond Zammit