Go to content

Katekezi3 - Jum il-Mulej

KATEKEŻI 3

Id-Dinjità tal-Bniedem

It-Tagħlim Soċjali kollu tal-Knisja huwa mibni fuq il-verità profonda li kull bniedem għandu dinjità intrinsika li mhix privileġġ mogħti mill-istat jew mis-soċjetà. Filwaqt li nistgħu ngħarfu din il-verità bir-raġuni waħidha, tissaħħaħ il-fidi tagħna jekk tifhem li din id-dinjità hija rigal dirett mill-Ħallieq li ħalaqna “fuq xbihietu” (Ġen 1:27) u li fdiena permezz ta’ Kristu Ġesù.  
Din il-verità profonda għandha implikazzjonijiet etiċi, politiċi u soċjali kbar: kull bniedem irid jiġi rispettat bħala għan fih innifsu, u qatt bħala meżż biss għal skopijiet oħra. Għalhekk il-bnedmin għandhom jistabilixxu ordni politiku, soċjali u ekonomiku li jservi l-persuna u jgħinha tiżviluppa d-dinjità proprja tagħha (Gaudium et spes, 9).  
Fl-enciklika tiegħu Rerum novarum Papa Ljun XIII applika d-dinjità tal-bniedem għal kwistjonijiet soċjali ta’ żminijietu, speċjalment l-ideoloġiji ekonomiċi li kienu spiss jirreduċu lill-ħaddiem għal strument tal-produzzjoni fil-magna tal-profitt. Insista li min iħaddem irid jirrispetta f’kull bniedem id-dinjità tiegħu bħala persuna (Rerum novarum, 20), u li ħadd ma jista’ jikser id-dinjità tal-bniedem, li Alla stess tant jirrispetta, mingħajr kastig (Rerum novarum, 40).
Id-dinjità tal-bniedem hija mħedda ukoll b’kull offiża kontra l-ħajja nfisha (bħal qtil, abort, u ewtanasja), kif ukoll kull offiża għall-integrita tal-persuna umana (bħal mutilazzjoni, tortura, jew pressjoni psikoloġika), jew kull offiża kontra d-dinjità tal-bniedem, bħal kundizzjonijiet ta’ għajxien li ma jagħtux ġieħ lill-bniedem, priġunerija arbitrarja, deportazzjoni, skjavitù, prostituzzjoni, il-bejgħ tan-nisa u t-tfal, u kundizzjonijiet tax-xogħol degradanti fejn l-individwi jiġu ttrattati bħala għodod għall-profitt aktar milli bħala persuni ħielsa u responsabbli (Gaudium et spes, 27). Lanqas qattiel ma jitlef id-dinjità personali tiegħu (Evangelium vitae, 9).  
Papa Franġisku jfakkarna li din id-dinjità tal-bniedem tqanqal l-impenn tal-Knisja lejn id-dgħajfa, hija u tinsisti dejjem fuq “il-primat tal-persuna umana u d-difiża tad-dinjità tagħha lil hinn minn kull ċirkustanza” (Laudate Deum, 39), għax “ma nistgħux nifirdu l-fidi mid-difiża tad-dinjità tal-bniedem, l-evangeliżżazzjoni mill-promozzjoni ta’ ħajja dinjituża, u l-ispiritwalità mill-impenn lejn id-dinjità ta’ kull bniedem” (Dignitas infinita).

Fr Raymond Zammit
Back to content