KATEKEŻI 29
It-Tagħlim Soċjali tal-Knisja fl-Era Diġitali
It-teknoloġija diġitali biddlet profondament il-mod kif naħdmu, nitgħallmu, nikkomunikaw u nibnu r-relazzjonijiet tagħna. Il-Knisja tagħraf il-benefiċċji tal-progress xjentifiku u teknoloġiku, iżda tfakkar li t-teknoloġija hija mezz u qatt m’għandha ssir għan fiha nnifisha. Il-mistoqsija fundamentali mhijiex x’tista’ tagħmel, iżda jekk taqdix tassew lill-persuna u lill-ġid komuni (ara Caritas in veritate, 69-73).
L-ewwel kriterju ta’ dixxerniment huwa d-dinjità intrinsika tal-persuna umana. L-ebda bniedem m’għandu jitnaqqas għal ġabra ta’ ‘data’, għal profil algoritmiku jew għall-funzjonijiet li jista’ jwettaq. In-Nota Antiqua et nova, dwar ir-relazzjoni bejn l-intelliġenza artifiċjali (IA) u l-intelliġenza umana, maħruġa fl-2025 mid-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi u mid-Dikasteru għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tenfasizza li, għalkemm l-IA tista’ twettaq kompiti kumplessi, din ma taħsibx u m’għandhiex l-intelliġenza umana fis-sens sħiħ tagħha. Il-persuna biss tista’ tifhem ir-realtà fil-milja tagħha, tiddixxerni moralment, tagħżel liberament, tħobb u terfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet tagħha. Għalhekk, l-IA tista’ tassisti fit-teħid tad-deċiżjonijiet, iżda r-responsabbiltà finali għandha dejjem tibqa’ f’idejn il-bniedem.
L-era diġitali tqajjem ukoll sfidi serji għall-verità u għall-komunikazzjoni. L-aċċess għal ħafna informazzjoni ma jiggarantix l-għerf, filwaqt li aħbarijiet foloz, deepfakes u kontenut iġġenerat mill-IA jistgħu jqarrqu bin-nies, jimmanipulaw l-opinjoni pubblika u jkabbru l-preġudizzju u l-polarizzazzjoni. Għalhekk, in-Nisrani huwa msejjaħ jikkomunika l-verità bl-imħabba, jivverifika s-sorsi u jirrispetta d-dinjità ta’ kull persuna, anki fin-nuqqas ta’ qbil (ara Fratelli tutti, 42–50; Towards Full Presence, 32–34, 42–43, 65, 77; Antiqua et nova, 85–89).
It-teknoloġija tista’ ssaħħaħ ir-relazzjonijiet u tagħti vuċi lil min jinsab fil-periferiji tas-soċjetà, iżda tista’ wkoll twassal għal iżolament, dipendenza u esklużjoni diġitali. Is-solidarjetà u l-ġid komuni jitolbu li l-benefiċċji tagħha jkunu aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment għal dawk l-aktar vulnerabbli. Bl-istess mod, l-użu tal-IA fid-dinja tax-xogħol għandu jirrispetta l-prinċipju li x-xogħol jeżisti għall-bniedem, u mhux il-bniedem għax-xogħol.
Għalhekk hija meħtieġa edukazzjoni diġitali li tifforma l-kuxjenza u l-ħsieb kritiku, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Il-familji, l-iskejjel, il-parroċċi u l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom jgħinu lill-persuni jużaw it-teknoloġija b’mod responsabbli u etiku, għas-servizz tal-verità u tal-ġid komuni. Dan jinkludi edukazzjoni dwar il-privatezza, il-protezzjoni tad-dejta personali u l-użu prudenti tal-pjattaformi diġitali, sabiex l-innovazzjoni tikkontribwixxi għat-tkabbir integrali tal-persuna u għall-bini ta’ komunitajiet aktar umani.
It-Tagħlim Soċjali tal-Knisja għalhekk ma jsejjaħx għall-biża’ jew għar-rifjut tat-teknoloġija, iżda għal dixxerniment morali fl-użu tagħha. Is-soċjetà tkun tassew avvanzata mhux meta jkollha l-aktar magni sofistikati, iżda meta t-teknoloġija tgħin lill-persuni jsiru aktar ħielsa, responsabbli, solidali u kapaċi jħobbu lil Alla u lill-proxxmu.
Fr Raymond Zammit