KATEKEŻI 28
Il-Ġustizzja Kriminali
Il-mod kif soċjetà twieġeb għall-kriminalità jirrifletti l-fehma tagħha dwar id-dinjità tal-bniedem, ir-responsabbiltà personali, il-ġid komuni u l-ħniena. Il-ġustizzja kriminali mhix sempliċement sistema ta’ pieni, iżda espressjoni tal-valuri li fuqhom tinbena soċjetà ġusta. Hija sistema li għandha tipproteġi lis-soċjetà, tiddefendi lill-vittmi, iżżomm lill-ħatja responsabbli u tippromwovi r-riabilitazzjoni u r-restawr tar-relazzjonijiet miksura.
L-Istat għandu d-dmir jipprevjeni l-kriminalità, jinvestiga r-reati u jimponi pieni proporzjonati wara proċess ġust. Il-piena hija meħtieġa biex tħares l-ordni pubbliku u s-sigurtà, iżda m’għandhiex tkun motivata mill-vendetta. Għandha tgħin lill-ħati jagħraf il-konsegwenzi ta’ għemilu, jaċċetta r-responsabbiltà u jħejji ruħu biex jerġa’ jintegra fis-soċjetà. B’hekk, il-ġustizzja ma tiqafx mal-kastig, iżda tfittex ukoll il-fejqan tal-ħsara u t-tisħiħ tal-ġid komuni (Kompendju, 402-403).
Il-vittmi għandhom jibqgħu fiċ-ċentru ta’ dan il-proċess. Għandhom id-dritt li jinstemgħu, jiġu protetti u jirċievu l-għajnuna meħtieġa.
Il-ġustizzja trid tqis ukoll il-kawżi soċjali li jistgħu jwasslu għall-kriminalità, bħall-faqar, l-esklużjoni, in-nuqqas ta’ edukazzjoni, id-dipendenzi u l-qgħad. Dan ma jneħħix ir-responsabbiltà personali, iżda jfakkar li prevenzjoni effettiva teħtieġ investiment fil-familji, fl-edukazzjoni, fis-saħħa mentali, fit-trattament tal-vizzji u f’xogħol dinjituż.
Min wettaq reat ma jitlifx id-dinjità tiegħu. Għalhekk, il-ħabsijiet m’għandhomx ikunu biss postijiet ta’ kastig, iżda wkoll ta’ edukazzjoni, xogħol, kura spiritwali u preparazzjoni għall-integrazzjoni mill-ġdid. Kundizzjonijiet degradanti jew trattament inuman mhumiex kompatibbli mar-rispett dovut lill-persuna (Kompendju, 403; Dignitas infinita, 32–34). Minn din il-viżjoni joħroġ ukoll ir-rifjut tal-piena tal-mewt, għaliex l-ebda persuna mhija lil hinn mill-possibbiltà tal-konverżjoni u tal-fidwa (Katekiżmu, 2267; Fratelli tutti, 263–270).
Filwaqt li fil-ħsieb Grieg u Ruman, il-ġustizzja kienet spiss mifhuma bħala li tagħti lil kulħadd dak li hu dovut lilu (inkluż il-piena li ‘ħaqqu’), fil-fehma biblika l-ġustizzja tfisser ukoll it-tisħiħ mill-ġdid tar-relazzjonijiet ġusti ma’ Alla u mal-oħrajn. Minn din il-perspettiva, il-Knisja tħeġġeġ bidla minn mudell purament retributtiv għal mudell ta’ ġustizzja riparattiva. Din tistaqsi min ġarrab il-ħsara, liema obbligi joħorġu mir-reat u kif jistgħu jiġu mfejqa l-ħsarat u r-relazzjonijiet. Metodi bħall-Medjazzjoni bejn il-Vittma u l-Ħati jistgħu jgħinu lill-vittmi jesprimu l-impatt tar-reat u lill-ħatja jaffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ għemilhom u jerfgħu r-responsabbiltà għalihom. Għalkemm dawn il-metodi ma jissostitwixxux il-priġunerija f’kull każ, ifakkru li l-ġustizzja għandha tfittex il-fejqan u r-rikonċiljazzjoni, mhux biss il-kastig. B’hekk, il-ħniena u r-responsabbiltà jingħaqdu, u d-dinjità ta’ kull persuna tiġi rispettata.
Fr Raymond Zammit