KATEKEŻI 27
Il-Ħarsien tal-Ħolqien
Il-ħarsien tal-ħolqien mhux kwistjoni sekondarja għall-fidi Nisranija. Huwa dmir morali u spiritwali li joħroġ mill-fidi f’Alla l-Ħallieq, mill-imħabba lejn il-proxxmu u mir-responsabbiltà għall-ġid komuni. Il-“ħakma” fuq l-art mogħtija lill-bniedem fil-Ġenesi ma tfissirx dominazzjoni bla rażan jew sfruttament. Il-bniedem mhux sid tal-ħolqien, iżda amministratur ta’ dak li fl-aħħar mill-aħħar jappartjeni lil Alla: “tal-Mulej hi l-art u kulma fiha” (Salm 24:1; 50:12). Għalhekk, ir-riżorsi naturali għandhom jintużaw b’moderazzjoni, b’rispett lejn il-bnedmin kollha u b’attenzjoni lejn il-ġenerazzjonijiet futuri. Il-Katekiżmu jfakkar li s-seba’ kmandament jitlob rispett għall-integrità tal-ħolqien u li l-użu tal-annimali, tal-pjanti u tar-riżorsi naturali ma jistax jinfired mill-morali (Katekiżmu, 2415; Kompendju, 451-487).
Il-Papa Franġisku jsejjaħ lid-dinja “d-dar komuni tagħna”. Ifakkarna li l-art hija bħal oħt u omm li ssostnina (Laudato si’, 1), iżda hija mhedda mit-tniġġis, mill-ħela u mill-isfruttament. Il-ħsara lill-ambjent tolqot lill-bniedem ukoll, speċjalment lill-foqra, li ħafna drabi jbatu l-ewwel u l-aktar min-nuqqas ta’ ilma nadif, art agrikola u kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjituża. Għalhekk, “attitudni tassew ekoloġika trid dejjem issir iżjed attitudni soċjali” li tgħinna “nagħtu widen kemm għall-karba tal-art u kemm għall-karba tal-fqar” (Laudato si’, 49).
Minn hawn toħroġ il-ħtieġa ta’ “ekoloġija integrali” (Laudato si’, 137), fejn l-ekoloġija umana tingħaqad mal-ekoloġija ambjentali, għax “il-ktieb tan-natura hu wieħed u indiviżibbli: iħaddan fih mhux biss l-ambjent iżda wkoll il-ħajja, is-sesswalità, iż-żwieġ, il-familja, ir-relazzjonijiet soċjali: f’kelma waħda, l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem” (Caritas in veritate, 51). Ma nistgħux niddefendu n-natura filwaqt li ninsew id-dinjità tal-persuna, il-familja, ix-xogħol u l-ġid komuni. Bl-istess mod, ma nistgħux niddefendu lill-bniedem waqt li neqirdu l-kundizzjonijiet naturali li fuqhom tiddependi l-ħajja. Żvilupp li joħloq il-ġid iżda jniġġes l-ilma, jisfrutta lill-ħaddiema jew iċaħħad lill-ġenerazzjonijiet futuri mir-riżorsi mhuwiex progress awtentiku.
Il-kriżi ambjentali hija għalhekk ukoll kriżi spiritwali. Il-kultura tal-iskart, li tittratta l-ħlejjaq u saħansitra lill-persuni bħala oġġetti li jistgħu jintremew, turi kemm il-problema ambjentali hija marbuta mal-egoiżmu, mal-konsum bla kontroll u man-nuqqas ta’ solidarjetà. Minbarra soluzzjonijiet tekniċi u politiċi, teħtieġ “konverżjoni ekoloġika”: bidla fil-mentalità, fil-konsum u fl-istil ta’ ħajja tagħna (Laudato si’, 216–221). Il-ħarsien tal-ħolqien b’hekk isir att ta’ fidi, ġustizzja, tama u mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, inklużi dawk li għad iridu jitwieldu, u l-għożża tad-dinja ssir xhieda konkreta tal-Evanġelju fil-ħajja ta’ kuljum.
Fr Raymond Zammit