KATEKEŻI 26
Ir-Rwol tal-Mara fis-Soċjetà u fil-Knisja
Il-Knisja tagħraf id-dinjità sħiħa tal-mara u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja. Is-soċjetà u l-Knisja ma jistgħux jiżviluppaw bis-sħiħ meta d-doni, l-esperjenzi u l-kompetenzi tan-nisa jitwarrbu. Il-Konċilju Vatikan II jikkundanna kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess bħala kuntrarja għall-pjan ta’ Alla u jitlob li l-ugwaljanza fundamentali tal-persuni tkun dejjem aktar rikonoxxuta (Gaudium et spes, 29).
Din il-viżjoni tibda mill-istqarrija biblika li l-mara u r-raġel huma t-tnejn maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla (Ġenesi 1:27). Il-mara mhix inferjuri jew subordinata għar-raġel iżda, kif jgħallem Ġwanni Pawlu II, hija “jien ieħor” fl-istess umanità. It-tnejn huma msejħin biex ikunu “wieħed għall-ieħor”, f’relazzjoni ta’ reċiproċità, għaqda u għotja tagħhom infushom. Id-dominazzjoni mhijiex parti mill-ordni oriġinali tal-ħolqien, iżda konsegwenza tad-dnub (Mulieris dignitatem, 6–7 u 10).
Kristu nnifsu ta xhieda ċara tad-dinjità tal-mara. Huwa tkellem man-nisa, semagħhom, fejjaqhom u laqagħhom fost id-dixxipli tiegħu. In-nisa baqgħu qrib is-salib u kienu l-ewwel xhieda tal-Qawmien. Il-kontribut tagħhom fil-missjoni tal-Knisja mhuwiex marġinali; anzi, jinsab fil-qalba tal-missjoni feddejja ta’ Kristu (Mulieris dignitatem, 12 u 16). Insibu ħafna nisa qaddisin, martri, mistiċi, teologi, missjunarji, edukaturi u fundaturi. In-nisa qaddisa huma mudell ta’ kif il-Knisja għandha tħobb lil Kristu, l-“Għarus” (Mulieris dignitatem, 27). Il-Knisja tagħraf “il-kontribut indispensabbli tan-nisa għall-bini tal-Knisja u għall-iżvilupp tas-soċjetà” u tippromwovi r-rwol tan-nisa fil-missjoni tal-evanġelizzazzjoni u fil-ħajja tal-komunità Nisranija” (Christifideles laici, 49, 51), inkluż fl-evanġelizzazzjoni, fil-formazzjoni, fil-ħidma pastorali u anki fit-teħid ta’ deċiżjonijiet (Evangelii gaudium, 103–104).
Fil-ħajja pubblika, in-nisa għandhom id-dritt u d-dmir li jieħdu sehem fl-oqsma ekonomiċi, politiċi, kulturali u professjonali. Ġwanni XXIII sejjaħ il-preżenza dejjem akbar tagħhom fil-ħajja pubblika bħala “sinjal taż-żminijiet” (Pacem in terris, 41). Fl-Ittra lin-nisa, Ġwanni Pawlu II jgħid li dan jitlob opportunitajiet u paga ġusti, protezzjoni mill-vjolenza u kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw il-maternità, il-familja u r-responsabbiltajiet tal-ġenituri (4-5; ara Kompendju, 251, 294-295). Is-soċjetà għandha toħloq kundizzjonijiet li jippermettu lill-mara tgħaqqad b’mod armonjuż il-vokazzjoni familjari tagħha mal-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika u professjonali, mingħajr diskriminazzjoni jew penalizzazzjoni.
Ġwanni Pawlu II jitkellem dwar il-“ġenju femminili”: il-kapaċità tal-mara li tagħti attenzjoni speċjali lill-persuna, lill-kura u lir-relazzjonijiet, lil hinn mill-utilità jew il-produttività, u li tgħin fl-umanizzazzjoni tas-soċjetà. Il-Knisja u s-soċjetà jiffjorixxu meta n-nisa jkunu rispettati, sostnuti u mogħtija l-ispazju meħtieġ biex jgħixu l-vokazzjoni tagħhom.
Fr Raymond Zammit