Go to content

Katekezi25 - Jum il-Mulej

KATEKEŻI 25
Ir-Razziżmu u s-Sejħa għall-Fratellanza

Ir-razziżmu mhux sempliċiment problema soċjali; huwa dnub kontra Alla u kontra l-familja tal-bniedem. Fil-ħsieb, fil-kliem, fl-azzjonijiet jew fl-istrutturi soċjali, ir-razziżmu jmur kontra verità fundamentali tal-fidi tagħna: kull bniedem hu maħluq xbieha ta’ Alla, hu maħbub u mifdi minn Ġesù Kristu, u huwa msejjaħ għall-qdusija u għall-ħajja ta’ dejjem.
Din hi d-dinjità tal-bniedem: dinjità li ma tingħatax lil xi wħud biss, bħallikieku tappartjeni biss lil min hu tal-familja tagħna, tan-nazzjon tagħna jew tal-istess kultura tagħna. Ir-razziżmu jkisser din il-verità, għax jifred lill-bnedmin f’min jgħodd u min ma jgħoddx, f’min hu inkluż u min hu eskluż. Ghalhekk kull forma ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sess, ir-razza, il-kulur, il-qagħda soċjali, il-lingwa jew ir-reliġjon għandha tingħeleb u tinqered, għax tmur kontra r-rieda ta’ Alla (Gaudium et spes, 29).
L-isqfijiet Kattoliċi fl-Istati Uniti wkoll ikkundannaw ir-razziżmu b’mod qawwi. Fl-ittra pastorali Brothers and Sisters to Us qalu: “Ħa jkun jaf kulħadd li dan huwa dnub terribbli, li jwaqqa’ għaċ-ċajt is-salib ta’ Kristu u jirredikola l-Inkarnazzjoni. Għax kull min hu ħu jew oħt ta’ ħuna Ġesù Kristu huwa wkoll ħuna u oħtna.” Huma jfakkru wkoll li r-razziżmu u l-oppressjoni ekonomika, għalkemm differenti, huma marbutin ma’ xulxin u jneżżgħu lis-soċjetà mill-umanità tagħha. Fl-2018, l-istess isqfijiet kitbu: “Ir-razziżmu għadu jħalli marka qawwija fuq il-kultura tagħna, u m’għandux post fil-qalb tan-Nisrani” (Open Wide Our Hearts). Għalhekk, sejħulna niġġieldu kemm il-preġudizzji personali kif ukoll l-istrutturi li joħolqu inġustizzja u esklużjoni.
Il-Papa Franġisku, fi Fratelli tutti, ifakkarna fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb li turi fil-prattika li ahna lkoll aħwa: is-Samaritan ma staqsiex min kien il-bniedem midrub jew minn fejn kien ġej, imma waqaf, resaq lejh u għenu. Hawn tinsab il-qalba tal-fratellanza: qabel kull tikketta hemm persuna, u qabel kull biża’ hemm ħuna jew oħtna.
Għalhekk, biex negħlbu r-razziżmu rridu nibdew minna nfusna: kif nitkellmu fuq l-oħrajn, x’naħsbu fuq il-barrani, u jekk nibqgħux siekta quddiem ċajt, stereotipi jew inġustizzji. Fl-istess ħin irridu nibnu soċjetà aktar ġusta fl-iskejjel, fuq il-post tax-xogħol, fil-liġijiet, fil-komunitajiet u fil-parroċċi tagħna. Il-Knisja hi msejħa tkun sinjal ħaj ta’ familja waħda taħt Alla, fejn kull persuna tintlaqa’ bħala ħuna jew oħtna. Inkella ma tkunx tassew ‘kattolika’, jiġifieri, universali.

Fr Raymond Zammit
Back to content