KATEKEŻI 24
L-Evanġelju tal-Ħajja:
Niddefendu l-Ħajja u d-Dinjità tal-Bniedem
Niddefendu l-Ħajja u d-Dinjità tal-Bniedem
Il-promozzjoni tal-ħajja umana huwa prinċipju fundamentali fil-morali Kattolika. Kif jispjega Ġwannni Pawlu II, “l-Evanġelju tal-ħajja huwa fil-qalba tal-messaġġ ta’ Ġesù. Dan il-messaġġ li l-Knisja tilqgħu kull jum b’imħabba, irid jitħabbar b’fedeltà qalbiena bħala l-Bxara t-Tajba għall-bnedmin kollha ta’ kull żmien u ta’ kull kultura” (Evangelium vitae, 1). Meta l-Knisja tiddefendi l-ħajja, mhijiex qed tidħol biss f’dibattitu politiku jew kulturali, imma qed tħabbar lil Kristu nnifsu li ġie biex il-bniedem ikollu l-ħajja, u l-ħajja bil-kotra (Ġw 10:10).
Id-dinjità tal-bniedem mhix msejsa fuq kemm persuna tkun utli għas-soċjetà jew fuq l-awtonomija personali tagħha, imma fuq l-azzjoni ta’ Alla li joħloq, jifdi u jqaddes lill-bniedem: “Il-bniedem hu msejjaħ għall-milja ta’ Ħajja li tmur ’l hemm ħafna mid-dimensjoni ta’ ħajtu fid-dinja, għax hi tisħib fil-ħajja stess ta’ Alla” (Evangelium vitae, 2). Ladarba l-ħajja hi don qaddis fdat lilna mill-Ħallieq, hi invjolabbli mit-tnissil sal-mewt naturali. Għalhekk, l-enċiklika toħodha kontra l-“kultura tal-mewt”, u tirrifletti fuq il-mistoqsija: “X’għamilt? Leħen id-demm ta’ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art” (Ġen 4:10). Il-Knisja tikkundanna kull forma ta’ attakk dirett jew indirett fuq il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem: l-abort, l-ewtanasja, is-suwiċidju assistit, il-gwerer inġusti, il-vjolenza. It-tarbija fil-ġuf, l-anzjan, il-marid, il-persuna b’diżabilità, il-migrant, il-priġunier u anki l-għadu tagħna, kollha għandhom l-istess dinjità, għax kollha maħbuba minn Alla.
Din il-viżjoni ssawwar ukoll it-tagħlim tal-Knisja dwar il-piena tal-mewt. L-Evanġelju tal-ħajja jixxandar mhux biss lill-innoċenti u lill-vulnerabbli, imma anki lill-ħatja ta’ delitti koroh. Il-Knisja tagħraf li l-awtorità pubblika għandha d-dmir tipproteġi lis-soċjetà u tfittex il-ġustizzja. Imma l-ġustizzja ma tistax issir vendetta, u l-piena ma tistax tiċħad l-umanità tal-ħati. Għalhekk, Ġwanni Pawlu II saħaq li l-Istat m’għandux joqtol ħati “ħlief f’każijiet ta’ ħtieġa assoluta,” meta s-soċjetà ma tistax tiġi mħarsa mod ieħor. Żied li, bil-progress fis-sistemi penali, “każijiet bħal dawn huma rari ħafna, jekk mhux prattikament ineżistenti” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2267). Fit-2018, Papa Franġisku approva tibdil f’dan il-paragrafu, li llum jgħallem li “l-piena tal-mewt mhix ammissibbli għax hi attakk fuq l-invjolabbiltà u d-dinjità tal-persuna, u l-Knisja taħdem b’determinazzjoni għall-abolizzjoni tagħha mad-dinja kollha”. Sentejn wara saħaq: “Ma nistgħux nerġgħu lura minn din il-pożizzjoni (Fratelli tutti, 263). Dan għaliex l-ebda bniedem mhu ’l bogħod wisq mill-ħniena ta’ Alla u mill-possibbiltà tal-konverżjoni.
Fr Raymond Zammit