Go to content

Katekezi23 - Jum il-Mulej

KATEKEŻI 23
Mill-Gwerra Ġusta għal Kultura ta’ Paċi

Il-paċi hija waħda mill-aktar xewqat profondi tal-qalb tal-bniedem, iżda għan-Nisrani, tmiss il-qalba tal-Evanġelju. Kristu, il-“Prinċep tal-Paċi” (Isaija 9:6), fid-Diskors tal-Muntanja jgħallimna: “Henjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5:9). “Minħabba l-ħsarat u l-inġustizzji li kull gwerra ġġib magħha, il-Knisja tħeġġeġ bla heda lil kulħadd biex jitlob u jħabrek ħalli Alla, fit-tjieba tiegħu, jeħlisna mill-jasar antik tal-gwerra” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2307).
Anki meta l-Knisja għarfet li l-awtorità politika għandha d-dritt u d-dmir li tiddefendi lill-poplu tagħha kontra aggressjoni inġusta, dan għamlitu b’kawtela kbira u b’rażan morali. Tradizzjonalment, dan kien jitlob raġuni ġusta biex wieħed jidħol fi gwerra (kawża ġusta; awtorità leġittima; intenzjoni tajba; l-aħħar għażla; tama serja ta’ suċċess; u l-ħsara mistennija mhix akbar mill-ġid li wieħed qed jipprova jikseb). Anki fi gwerra leġittima, il-liġi morali tibqa’ torbot u jinħtieġ għalhekk li jkun hemm ġustizzja fil-mod kif titwettaq il-gwerra (ma jintlaqtux nies ċivili; forza proporzjonata; projbizzjoni ta’ dak li hu ħażin fih innifsu, bħat-tortura, terroriżmu u ġenoċidju). Iżda jrid ikun hemm ukoll ġustizzja wara l-gwerra: l-għan għandu jkun paċi ġusta u dejjiema, mhux vendetta jew umiljazzjoni. Dan jitlob ftehim ġust, ħarsien tad-drittijiet, responsabbiltà għad-delitti serji, rikostruzzjoni u rikonċiljazzjoni. Din it-tradizzjoni hekk imsejha tal-“gwerra ġusta” m’għandhiex l-iskop li tiġġustifika l-gwerra faċilment, iżda li tillimita l-gwerra u trażżan il-vjolenza. Dawn il-kundizzjonijiet mhumiex skużi (loopholes), imma barrieri (ara wkoll, Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2309).
Jeħtieġ għalhekk inbiddlu l-ħsieb tagħna u nsaqsu mhux meta nistgħu nittolleraw il-gwerra, imma kif nistgħu nibnu paċi vera. Il-Konċilju jgħallem li l-paċi “mhijiex biss in-nuqqas ta’ gwerra,” imma hija “opra tal-ġustizzja” (Gaudium et spes, 78). “Madankollu, il-paċi tkun biss kelma vojta jekk ma tistrieħx fuq … ordni mibni fuq il-verità, imsaħħaħ bil-ġustizzja, imħeġġeġ u mqanqal mill-karità, u mwettaq taħt il-ħarsien tal-libertà” (Pacem in terris, 167).
Il-Papa Franġisku jkompli jsaħħaħ din il-linja: “kull gwerra tħalli d-dinja agħar milli kienet qabel”; il-gwerra hija “falliment tal-politika u tal-umanità” (Fratelli tutti, 261). Għalhekk, il-Knisja timxi dejjem aktar lejn il-promozzjoni ta’ kultura ta’ paċi li, anki jekk ma tistax tibqa’ privata, trid tibda fil-qalb. Min hu mimli rabja, ixerred il-kunflitt madwaru. Familja bla maħfra ssir kamp tal-battalja. Komunità maqsuma bit-tqassis u d-disprezz ma tistax titlob b’mod kredibbli għall-paċi.
L-Ewkaristija tifformana bħala nies ta’ rikonċiljazzjoni. Qabel nirċievu l-Ġisem ta’ Kristu, nagħtu is-sinjal tal-paċi lil xulxin, ġest li jfakkarna li l-għaqda ma’ Kristu titlob konverżjoni fir-relazzjonijiet tagħna.

Fr Raymond Zammit
Back to content