KATEKEŻI 22
Il-Migrazzjoni fid-Dawl tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja
Meta l-Knisja titkellem fuq il-migrazzjoni, ma tibdiex mill-fruntieri, mid-dokumenti jew min-numri, imma mill-bniedem: persuna b’dinjità, maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla, li jixraqlu r-rispett u l-ħarsien. Tiftakar fil-kmand ta’ Alla: “La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin fl-art tal-Eġittu” (Es 22:20); fil-fatt li Ġesù stess kien refuġjat fl-Eġittu (Mt 2:13); u fil-kliem ta’ Ġesù: “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35).
L-isqfijiet Kattoliċi Amerikani, flimkien ma’ dawk tal-Messiku, ġabru t-Tagħlim Soċjali tal-Knisja fuq l-emigrazzjoni f’ħames prinċipji (Strangers No Longer: Together on the Journey of Hope, 2003, 34-38): (1) Il-bniedem għandu d-dritt isib opportunitajiet f’pajjiżu. Ħadd m’għandu jkun imġiegħel jemigra minħabba gwerra, faqar, persekuzzjoni jew nuqqas ta’ ħtiġijiet bażiċi. (2) Il-bniedem għandu d-dritt jemigra biex jgħajjex lilu nnifsu u lill-familja tiegħu meta ma jsibx sigurtà jew ħajja dinjituża f’pajjiżu. (3) L-Istati għandhom id-dritt jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom, għall-ġid komuni u s-sigurtà, iżda dejjem b’ġustizzja u b’rispett lejn id-dinjità tal-bniedem. (4) Ir-refuġjati u dawk li jfittxu l-ażil għandhom jiġu protetti. Min jaħrab minn persekuzzjoni, gwerra, vjolenza jew periklu serju għandu jingħata protezzjoni u m’għandux jintbagħat lura fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda. (5) Id-dinjità u d-drittijiet tal-emigranti mingħajr dokumenti għandhom jiġu rispettati. Jibqgħu dejjem persuni b’dinjità li m’għandhomx jiġu sfruttatati u abbużati.
Fl-istess waqt, “l-emigrant hu fid-dmir, b’sinjal ta’ ħajr, li jirrispetta l-wirt materjali u spiritwali tal-pajjiż li qed jilqgħu, jobdi l-liġijiet u jgħin fil-piżijiet tieghu” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2241).
Il-Papa Franġisku jfakkarna fil-periklu li nidraw naraw lill-immigranti bħala “oħrajn”, bħallikieku differenti minnha, “inqas denji, inqas importanti, inqas umani” (Fratelli tutti, 39). Jisħaq fl-importanza li nibnu “kultura tal-laqgħa u aċċettazzjoni” (Messaġġ tal-Jum Dinji tal-Migranti u Refuġjati, 2014). Fil-Messaġġ tal-2018, Papa Franġisku jiġbor ir-risposta Nisranija għall-emigrazzjoni f’erba’ kelmiet: nilqgħu, nipproteġu, nippromovu u nintegraw. Nilqgħu jfisser nagħtu kenn u għajnuna lil min jinsab fil-bżonn. Nipproteġu jfisser ma nħalluhx jaqa’ f’idejn min jisfruttah jew jabbużah. Nippromovu jfisser nagħtuh ċans jitgħallem, jaħdem u jagħti sehmu. Nintegraw ifisser nibnu flimkien soċjetà fejn ħadd ma jibqa’ barrani għal dejjem.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-immigrazzjoni hi prova tal-kuxjenza tagħna. Soċjetà ma titkejjilx biss minn kemm taf tħares il-fruntieri tagħha, imma minn kemm taf tħares id-dinjità ta’ min hu dgħajjef.
Fr Raymond Zammit