KATEKEŻI 21
Il-Pedament tal-Libertà: Il-Libertà Reliġjuża
Il-libertà reliġjuża hija waħda mill-pilastri ewlenin tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, għax tmiss direttament id-dinjità tal-persuna umana, il-kuxjenza tagħha u r-relazzjoni tagħha ma’ Alla. L-eżiġenza tal-libertà tal-bniedem tidher b’mod partikulari fil-ġid tal-ispirtu, u fuq kollox f’dak li għandu x’jaqsam mal-prattika ħielsa tar-reliġjon fis-soċjetà. Għalhekk, il-Konċilju Vatikan II jafferma b’mod ċar li kull persuna għandha dritt tgħix u tesprimi l-fidi tagħha b’mod ħieles “b’tali mod li ħadd ma jiġi mġiegħel jaġixxi kontra t-twemmin tiegħu kemm fil-privat kif ukoll fil-pubbliku, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, fil-limiti ġusti” (Dignitatis humanae, 1).
Din il-libertà ma tapplikax biss għall-individwi, iżda wkoll għall-komunitajiet reliġjużi. Il-Knisja, bħalma għandhom jagħmlu komunitajiet oħra, għandha tkun libera li tqim lil Alla, tgħallem il-fidi tagħha, torganizza l-ħajja interna tagħha, tħarreġ il-membri tagħha u tagħti xhieda pubblika. Meta soċjetà tillimita dawn id-drittijiet, tkun qed tnaqqas spazju essenzjali għall-iżvilupp sħiħ tal-persuna u għall-ġid komuni.
Madankollu, il-libertà reliġjuża ma tfissirx li l-verità ssir sempliċi opinjoni personali, jew li r-reliġjonijiet kollha huma veri bl-istess mod. Dignitatis humanae ma tbiddilx it-tagħlim tal-Knisja dwar il-milja tal-verità fi Kristu, iżda turi li l-bniedem għandu jfittex u jħaddan din il-verità b’mod ħieles. Il-fidi ma tistax tiġi imposta bil-forza, għax att ta’ fidi awtentiku jista’ jitwieled biss minn kuxjenza ħielsa.
Fl-istess waqt, il-bniedem, mogħni bir-raġuni u bir-rieda ħielsa, għandu r-responsabbiltà li jfittex il-verità, b’mod speċjali dik dwar Alla, u li jħaddanha meta jagħrafha (Dignitatis humanae, 1). Il-libertà tar-reliġjon għalhekk mhijiex forma ta’ relattiviżmu sekulari, u lanqas libertà mir-reliġjon, iżda esiġenza ta’ ġustizzja.
Il-Knisja tiddefendi dan id-dritt mhux biex tirrinunzja għall-missjoni tagħha li xxandar lil Kristu, iżda biex tagħmel dan b’mod li jaqbel mal-Evanġelju: billi tipproponi u mhux timponi. Id-dritt għal-libertà reliġjuża mhuwiex permess morali li wieħed iħaddan l-iżball, imma dritt naturali tal-persuna li tkun ħielsa minn pressjoni esterna f’dak li għandu x’jaqsam mar-reliġjon (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2108).
F’dan il-kuntest, l-oġġezzjoni tal-kuxjenza għandha importanza kbira. Il-bniedem ma jistax jiġi mġiegħel jagħmel xi ħaġa li, wara ġudizzju serju u onest, iqisha moralment ħażina. Kuxjenza ffurmata tajjeb mhijiex sempliċi preferenza personali, iżda l-post fejn il-persuna tagħraf id-dmir morali tagħha quddiem Alla u quddiem il-verità. Għalhekk, meta liġi jew ordni ċivili titlob azzjoni li tmur kontra prinċipju morali fundamentali, ir-rispett lejn il-kuxjenza jsir parti essenzjali mir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna.
Fr Raymond Zammit