KATEKEŻI 20
Is-Sejħa tal-Lajċi: Nibdlu s-Soċjetà bil-Fidi
Il-missjoni tal-Knisja ma tiqafx mal-bibien tas-santwarju, imma tasal fil-qalba tal-ħajja ta’ kuljum u tas-soċjetà moderna fejn il-grazzja ta’ Alla trid tiġi nkarnata. Filwaqt li s-saċerdoti għandhom il-ministeru tagħhom fil-qadi tal-komunità Nisranija, il-lajċi huma msejħin iqaddsu l-ordni temporali u jdawluh bid-dawl tal-Evanġelju. Il-vokazzjoni tal-lajċi, ghalhekk, mhix forma inqas ta’ dixxipulat Nisrani, imma sehem distint u meħtieġ fil-missjoni tal-Knisja. L-imgħammdin huma msejħa jfittxu l-qdusija proprju fil-ħajja ordinarja tal-familja, tax-xogħol, tal-kultura, tas-soċjetà u tal-ħajja pubblika, u jgħinu biex dawn ir-realtajiet jitmexxew skont ir-rieda ta’ Alla.
Il-Konċilju Vatikan II esprima din is-sejħa b’mod ċar: “il-lajċi, bis-sejħa tagħhom stess, ifittxu s-Saltna ta’ Alla billi jieħdu sehem fil-ħwejjeġ temporali u jmexxuhom skont il-pjan ta’ Alla” (Lumen gentium, 31). Dan ifisser li l-impenn tal-lajċi fid-dinja huwa l-qalba tal-appostolat tagħhom. Huma msejħin biex, bil-preżenza diskreta iżda qawwija, idaħħlu l-valuri Nsara fl-istrutturi soċjali u fir-relazzjonijiet ta’ kuljum.
Ġwanni Pawlu II jgħid li l-lajċi “huma msejħin minn Alla sabiex, immexxija mill-ispirtu tal-Evanġelju, jagħtu sehemhom għat-tqaddis tad-dinja minn ġewwa, bħall-ħmira” (Christifideles laici, 15). Għalhekk, ix-xogħol ta’ kuljum isir il-post fejn il-lajċi jitqaddsu u jagħtu xhieda.
Minn hawn toħroġ ukoll l-importanza taċ-“ċittadinanza fidila”. Il-fidi ma tistax tinfired mill-għażliet ta’ kuljum, lanqas mill-politika. Kif jgħidu l-isqfijiet Amerikani, “iċ-ċittadinanza responsabbli hija virtù, u s-sehem fil-ħajja politika huwa obbligu morali” (Forming Consciences for Faithful Citizenship, 13).
Iċ-ċittadinanza fidila titlob li l-lajċi joffru l-konvinzjonijiet morali tagħhom fl-ispazju pubbliku, imdawlin u ffurmati mit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja. Dan jinvolvi ħidma favur id-dinjità tal-persuna umana, il-ġid komuni, is-sussidjarjetà u s-solidarjetà. Christifideles laici issaħħaħ dan meta tfakkar li “l-lajċi qatt m’għandhom jabbandunaw is-sehem tagħhom fil-‘ħajja pubblika’, jiġifieri fl-oqsma differenti ekonomiċi, soċjali, leġiżlattivi, amministrattivi u kulturali, li huma maħsuba biex jippromwovu b’mod organiku u istituzzjonali l-ġid komuni” (42).
Il-ħidma tal-lajċi hija għalhekk indispensabbli għat-tiġdid tas-soċjetà. Meta jagħmlu ħilithom biex ikunu ċittadini tajbin filwaqt li jibqgħu fidili għal dak kollu li jitlob l-Evanġelju, il-lajċi jwieġbu għas-sejħa ta’ Kristu biex ikunu l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja. Permezz tal-impenn tagħhom fil-ħajja ċivika, huma jgħinu fil-bini ta’ ċiviltà ta’ mħabba u ġustizzja billi jmexxu l-affarijiet tad-dinja skont il-pjan ta’ Alla. Huma jibdlu s-soċjetà mhux billi jimponu l-fidi tagħhom, imma billi jagħtu xhieda għall-verità fl-imħabba.
Fr Raymond Zammit