Go to content

Katekezi2 - Jum il-Mulej

KATEKEŻI 2

Rerum Novarum
u “l-bidu”
tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja

It-Tagħlim Soċjali tal-Knisja fi żminijiet moderni għandu l-bidu tiegħu fl-1891 meta l-Papa Ljun XIII ippubblika l-enċiklika storika Rerum novarum (“Dwar l-Affarijiet Ġodda”). Din kellha bħala sottotitlu: “Id-Drittijiet u d-Dmirijiet tal-Kapital u tax-Xogħol,” u kienet tweġiba profetika għall-“affarijiet ġodda” ta’ dak iż-żmien, jiġifieri, il-bidliet soċjali u ekonomiċi kbar li ġabet magħha r-Rivoluzzjoni Industrijali li biddlet id-dinja tax-xogħol b’mod radikali: filwaqt li wħud stagħnew bil-kbir, ħafna ħaddiema ġew sfruttati b’mod krudili, b’pagi baxxi u kundizzjonijiet inumani. F’din it-tensjoni, kienu qed jiksbu popolarità żewġ ideoloġiji  estremi: il-kapitaliżmu bla kontroll li ħalla lill-ħaddiema f’idejn il-kapriċċi tas-sidien, u l-ideoloġija soċjalista li riedet tneħħi l-proprjetà privata u tqiegħed l-ekonomija fl-idejn tal-istat permezz tal-ġlieda tal-klassi.
Rerum novarum ma ppreżentat l-ebda programm politiku jew ekonomiku, iżda offriet gwida morali fid-dawl tal-Evanġelju. Stiednet lill-Insara jagħrfu l-karba tal-fqar u jimxu skont il-ġustizzja. Ljun XIII iddikjara b’mod qawwi d-dinjità tal-persuna u tax-xogħol. Ikkundanna bħala “ħaġa ta’ mistħija u inumana” li wieħed jabbuża mill-bniedem bħala għodda għall-profitt. Saħaq li x-xogħol huwa sehem il-bniedem fil-ħidma kreattiva ta’ Alla; li l-proprjetà privata hija dritt naturali iżda timplika responsabbiltà soċjali; li l-ħaddiema għandhom dritt għal pagi biex jmantnu familja b’dinjità, għal kundizzjonijiet siguri, u għal mistrieħ xieraq. Iddefenda d-dritt għall-għaqdiet tal-ħaddiema biex jiddefendu l-interessi tagħhom, filwaqt li fakkar lis-sidien fid-dmir tagħhom lejn min iħaddmu: “Ara, il-ħlas tal-ħaddiema li … intom żammejtuhulhom bil-qerq … qiegħed jgħajjat kontra tagħkom, u l-biki ta’ dawk li ħasdu wasal f’widnejn il-Mulej tal-eżerċti” (Ġak: 5:4). Ifakkarna li “il-bniedem jiġi qabel l-istat”; fi kliem ieħor, id-drittijiet jiġu min-natura tal-bniedem, mhumiex mgħottija (jew miċħuda) mill-Istat, u l-Istat għandu l-obbligu li jirrikonoxxihom u jħarishom fid-dawl tal-ġid komuni.
L-influwenza ta’ Rerum novarum kienet kbira, tant li l-papiet oħra komplew jibnu fuqha permezz ta’ enċikliċi fl-anniversarji tagħha, bħal (40) Quadragesimo anno, (80) Octogesima adveniens u (100) Centesimus annus. Illum, il-messaġġ tagħha jibqa’ ħaj fil-Knisja: biex nagħtu prijorità lill-persuna umana qabel il-profitt, ngħinu lill-familji, u nibnu soċjetà mibnija fuq il-ġustizzja, is-solidarjetà u d-dinjità ta’ kull ħaddiem.
Interessanti li l-Papa tal-lum għażel l-isem tiegħu f’ġieħ dan il-Papa u jixtieq li bħalma Ljun XIII indirizza l-kwistjoni soċjali fil-kuntest tal-ewwel rivoluzzjoni industrijali kbira permezz ta’ Rerum novarum, il-Knisja illum għandha tindirizza l-affarijiet il-ġodda tal-lum, jiġifieri, ir-rivoluzzjoni industrijali ġdida u l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali.

Fr Raymond Zammit


Back to content