Go to content

Katekezi17 - Jum il-Mulej

KATEKEŻI 17
Is-Soċjaliżmu

Il-Knisja ma tipproponi l-ebda sistema ekonomika jew politika, iżda toffri viżjoni msejsa fuq id-dinjità tal-persuna umana.
Fil-kuntest tat-taqlib soċjali ta’ zmienu, Ljun XIII ikkritika kemm il-kapitaliżmu sfruttattiv kif ukoll is-soċjaliżmu. Dwar il-kapitaliżmu, osserva kif ftit nies sinjuri kienu qed jgħakksu lill-ħaddiema b’kundizzjonijiet “bilkemm aħjar mill-iskjavitù.” Is-soluzzjoni, iżda, ma setgħetx tkun is-soċjaliżmu li “jisfrutta l-għira tal-fqir lejn is-sinjur” u li kien qed jipprova jneħħi l-proprjetà privata u jqiegħed kollox taħt il-kontroll tal-Istat. Dawn il-proposti huma “manifestament inġusti, għax jisirqu lis-sid leġittimu minn dak li hu tiegħu, jgħawġu l-funzjonijiet tal-Istat, u joħolqu konfużjoni sħiħa fis-soċjetà” (Rerum novarum, 4). Għalhekk saħaq li l-proprjetà privata hija dritt naturali meħtieġ għall-ġid tal-familja u tal-ordni soċjali, u wissa li t-tneħħija tagħha kienet tagħmel ħsara lill-istess ħaddiema li kienet tippretendi li tgħin (n. 4–15).
Piju XI kompla jenfasizza l-importanza tal-ġustizzja soċjali u kkritika kemm il-liberaliżmu ekonomiku bla rażan (Quadragesimo anno, 1931, 88 u 105) kif ukoll is-soċjaliżmu li jċaħħad lill-bniedem mil-libertà tiegħu (n. 111 ff). Huwa sostna li r-relazzjonijiet ekonomiċi għandhom ikunu mibnija fuq is-solidarjetà (n. 79).
Ġwanni Pawlu II kompla dan it-tagħlim wara l-kollass tal-komuniżmu fl-Ewropa tal-Lvant. Għaraf li “il-bniedem illum ħafna drabi jinsab mgħaffeġ bejn żewġ poli rrappreżentati mill-Istat u mis-suq. Xi drabi jidher qisu jeżisti biss bħala produttur u konsumatur ta’ oġġetti, jew bħala oġġett ta’ amministrazzjoni mill-Istat” (Centesimus annus, 49). Argumenta li “l-iżball fundamentali tas-soċjaliżmu huwa ta’ natura antropoloġika” u li l-bniedem “jispiċċa jiddependi fuq il-magna soċjali u fuq dawk li jikkontrollawha” (n. 13). L-Istat totalitarju “ma jistax jittollera l-affermazzjoni ta’ kriterju oġġettiv tat-tajjeb u l-ħażin lil hinn mir-rieda ta’ dawk fil-poter” u “għandu t-tendenza li jassorbi fih innifsu n-nazzjon, is-soċjetà, il-familja, il-gruppi reliġjużi u l-individwi nfushom” (n. 45).
Madankollu, il-Knisja dejjem għarfet li ħafna movimenti soċjali kienu motivati minn tħassib ġenwin għall-foqra u għall-ġustizzja, tħassib li jinsab fil-qalba stess tal-Evanġelju. Iżda tibqa’ topponi kull ideoloġija, kemm dik soċjalista kif ukoll dik kapitalista, li tnaqqas lill-bniedem għal sempliċi għodda tal-Istat jew tas-suq, u li tonqos li tagħraf li l-“iżvilupp uman awtentiku jeħtieġ il-libertà u r-responsabbiltà morali: “Il-bniedem jibqa’, fuq kollox, esseri li jfittex il-verità u jistinka biex jgħix fiha, filwaqt li japprofondixxi l-fehma tiegħu permezz ta’ djalogu li jinvolvi l-ġenerazzjonijiet tal-passat u tal-futur” (Centesimus annus, 49).


Fr Raymond Zammit
Back to content