Go to content

Katekezi16 - Jum il-Mulej

KATEKEŻI 16
Il-Kapitaliżmu u l-konsumiżmu

Il-Knisja ma tipproponix sistema ekonomika bħala ‘it-tielet triq’ bejn il-kapitaliżmu u s-soċjaliżmu, iżda tippreżenta prinċipji morali li għandhom jiggwidaw kull ekonomija u kull sistema politika. Fiċ-ċentru tagħha dejjem tqiegħed id-dinjità tal-persuna umana u l-ġid komuni.
Sa minn Rerum novarum (1891), Ljun XIII ddefenda d-dritt għall-proprjetà privata u għall-inizjattiva ekonomika, iżda kkritika wkoll sistema ekonomika li tisfrutta lill-ħaddiema u tħares biss lejn il-profitt. Huwa nsista fuq il-ħtieġa ta’ paga ġusta u kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw lill-ħaddiem bħala persuna. Aktar tard, Piju XI wissa kontra konċentrazzjoni eċċessiva tal-ġid u tal-poter ekonomiku f’idejn ftit nies li twassal għal “dittatorjat ekonomiku” (Quadragesimo anno, 1931, 88, 105, 106, 109, 110).
Madankollu, it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja ma jiċħadx is-suq jew l-inizjattiva privata. Fil-fatt, f’Centesimus annus, Ġwanni Pawlu II għaraf li ekonomija tas-suq tista’ tkun mezz effettiv biex toħloq il-ġid, tħeġġeġ il-kreattività u tissodisfa l-ħtiġijiet tal-bniedem. Iżda fl-istess waqt wissa kontra sistemi ekonomiċi fejn il-libertà ekonomika tkun mifruda mill-moralità u mid-dinjità tal-persuna (n. 42) u kkritika kultura ta’ konsumiżmu fejn il-bniedem ikejjel il-valur tiegħu minn dak li għandu aktar milli minn dak li hu. Din il-mentalità twassal għall-egoiżmu, l-isfruttament tal-ħolqien u vojt spiritwali għax il-bniedem jibqa’ jfittex aktar affarijiet materjali mingħajr ma jsib sodisfazzjon veru (n. 36-37).
Dan it-tagħlim kompla jiġi żviluppat minn Benedittu XVI li enfasizza li l-ekonomija trid tkun iggwidata mill-verità, mill-karità, u minn impenn għall-iżvilupp integrali tal-bniedem. Huwa wissa kontra sistemi finanzjarji mibnija biss fuq spekulazzjoni u profitt immedjat, filwaqt li jinjoraw lill-ħaddiema, lill-familji u lill-foqra (Caritas in veritate, 2009).
Bl-istess mod, Franġisku kkritika “ekonomija tal-esklużjoni” fejn il-foqra jiġu mwarrba bħallikieku ma jiswew għal xejn (Evangelii gaudium, 2013, nn. 53–55). Il-kultura moderna tal-konsumiżmu ħafna drabi tnaqqas lill-bniedem għal sempliċi konsumatur f’sistema mmexxija mill-massimizzazzjoni tal-profitt. F’Laudato si’ (2015) huwa jgħaqqad il-konsumiżmu mal-qerda ambjentali u jitkellem dwar “kultura tal-iskart” fejn kemm l-oġġetti kif ukoll in-nies jintużaw u jintremew.
Fl-aħħar mill-aħħar, it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja ma jistaqsix biss jekk il-kapitaliżmu joħloqx il-ġid, iżda jekk verament jippromwovix d-dinjità tal-bniedem u l-iżvilupp sħiħ tal-persuna. Is-sistemi ekonomiċi ma jiġux iġġudikati biss mill-effiċjenza jew mill-produttività tagħhom, iżda minn kif jittrattaw lill-bniedem, speċjalment lill-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà. Fil-viżjoni Nisranija, is-swieq għandhom jibqgħu għas-servizz tal-bniedem u qatt ma jsiru s-sidien tiegħu.


Fr Raymond Zammit
Back to content