KATEKEŻI 15
L-ekonomija għas-servizz tal-bniedem
L-ekonomija għandha tkun għas-servizz tal-bniedem u mhux il-bniedem għas-servizz tal-ekonomija. Is-swieq, is-sistemi finanzjarji u l-istrutturi tax-xogħol huma strumenti maħsuba biex jippromovu d-dinjità tal-bniedem, is-solidarjetà u l-ġid komuni u għandhom ikunu organizzati b’mod li jirrispettaw lill-ħaddiem, lill-familja u lid-dinjità tal-persuna umana. L-Iskrittura twissi kontra l-inġustizzja ekonomika u tikkundanna lil dawk li “jgħaffġu lill-fqir” u jisfruttaw lill-ħaddiema (Għamos 8:4–6). Ġesù mhux biss iħabbar il-Bxara t-Tajba lill-fqar (Luqa 4:18) u jikkundanna r-regħba u l-indifferenza lejn dawk li huma fil-bżonn, iżda jsostni li l-kura tal-persuni vulnerabbli huwa l-kriterju tas-salvazzjoni (Mattew 25).
Il-Knisja tagħraf il-valur tal-intraprenditorjat u tal-użu responsabbli tal-kapital, iżda twissi kontra ekonomija mmexxija biss mill-profitt. Piju XI ikkundanna l-konċentrazzjoni tal-ġid u tal-poter ekonomiku f’idejn il-ftit u wissa kontra “dittatorjat ekonomiku” li jinħoloq meta s-suq jitħalla mingħajr kontroll morali. Sostna li l-ekonomija għandha tkun immexxija “mill-ġustizzja soċjali u mill-karità soċjali” (Quadragesimo anno, 1931, 88 u 126). Il-Konċilju Vatikan II iddikjara li l-persuna umana hija “l-prinċipju, is-suġġett u l-għan” tal-istituzzjonijiet soċjali kollha (Gaudium et spes, 25). L-iżvilupp ekonomiku għandu valur biss jekk jaqdi l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem, inkluż il-bżonnijiet spiritwali u morali tiegħu.
Ġwanni Pawlu II enfasizza li l-ħaddiem jiġi qabel il-kapital, għax il-persuna għandha valur akbar mill-affarijiet (Laborem exercens, 1981). Għaraf il-potenzjal tas-suq ħieles, iżda wissa kontra sistemi ekonomiċi maqtugħin mill-verità morali u kontra idolatrija tas-suq li tqis il-libertà ekonomika waħedha bħala soluzzjoni għal kull problema umana (Centesimus annus, 1991). Benedittu XVI sostna li l-ekonomija għandha tkun immexxija mill-karità u mill-verità, mhux biss mill-interess personali u l-profitt immedjat. Ikkritika sistemi finanzjarji mibnija fuq l-ispekulazzjoni u l-profitt immedjat, filwaqt li jinjoraw il-konsegwenzi umani tagħhom (Caritas in veritate, 2009).
Papa Franġisku żviluppa dan it-tagħlim meta kkundanna il-“kultura tar-rimi” u l-“ekonomija tal-esklużjoni” li twarrab lill-fqar u lill-vulnerabbli. Saħaq li “ekonomija bħal din toqtol” (Evangelii gaudium, 53). F’Laudato si’ u Fratelli tutti wissa kontra kultura ta’ egoiżmu u konsum bla rażan li tagħmel ħsara kemm lill-bniedem kif ukoll lill-ħolqien.
Is-suċċess ekonomiku għalhekk ma jistax jitkejjel biss permezz tal-GDP iżda minn jekk il-bnedmin, speċjalment l-aktar dgħajfa, humiex kapaċi jgħixu b’dinjità u tama. Kif qalu l-Isqfijiet Amerikani fl-ittra pastorali Economic Justice for All (1986), irridu inkejlu l-ekonomija bi tliet mistoqsijiet: X’tagħmel l-ekonomija għall-bnedmin? X’tagħmel lill-bnedmin? U kif jipparteċipaw il-bnedmin fiha?
Fr Raymond Zammit