KATEKEŻI 14
Id-drittijiet tal-ħaddiema
Il-kwistjonijiet dwar il-flus, il-proprjetà u d-differenzi bejn min għandu ħafna u min għandu ftit ilhom iqanqlu riflessjoni morali fost l-Insara sa mill-bidu tal-Knisja. It-Tagħlim Soċjali tal-Knisja jippreżenta viżjoni bilanċjata li tevita żewġ estremi: l-individwaliżmu, li jgħid li dak li hu tiegħi nagħmel bih li rrid; u l-kollettiviżmu, li jiċħad id-dritt tal-bniedem li jkollu xi ħaġa tiegħu. Il-Knisja tagħraf id-dritt leġittimu għall-proprjetà privata iżda tinsisti wkoll fuq id-“destin universali tal-ġid”: “Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha” (Salm 24:1). Għalhekk, il-bniedem mhux sid assolut tal-ħolqien, iżda amministratur tiegħu. Ingħata s-setgħa fuq il-ħolqien (Ġen 1:28) mhux biex jisfruttah, iżda biex jieħu ħsiebu b’responsabbiltà u għaqal.
Fl-Enċiklika Rerum novarum (1891), Papa Ljun XIII għallem li d-dritt ghall-proprjetà privata għandu l-għeruq tiegħu fin-natura tal-bniedem u fix-xogħol tiegħu (n. 6) u mad-dmir tal-ġenituri li jipprovdu għall-familja tagħhom, anki permezz tal-wirt (n. 13). Id-dritt għall-proprjetà, iżda, qatt mhu assolut. L-użu tal-ġid għandu jkun “immexxi mill-ġustizzja u akkumpanjat mill-imħabba lejn il-proxxmu” (Gaudium et Spes, 69). Filwaqt li tiddefendi “d-dritt għall-proprjetà privata, miksuba permezz tax-xogħol jew riċevuta mingħand oħrajn permezz ta’ wirt jew rigal” (Katekiżmu, 2403), il-Knisja ssostni li l-ġid dejjem għandu dimensjoni soċjali u jrid jaqdi l-ġid komuni. Il-proprjetà mhux biss privileġġ personali, iżda wkoll responsabbiltà lejn l-oħrajn (il-familja, il-mistednin, il-morda, il-fqar, is-soċjetà; ara Katekiżmu, 2404–2406).
Papa Ġwanni Pawlu II żviluppa din l-idea meta qal li kull proprjetà privata hija suġġetta għal “obbligu soċjali” (Sollicitudo rei socialis, 42). Dan ifisser li l-ġid, il-kapital u r-riżorsi produttivi għandhom dejjem jaqdu lill-ħaddiem u lid-dinjità tal-bniedem (Laborem exercens, 1981). Il-Knisja tiddefendi l-inizjattiva ekonomika u l-intraprenditorija, iżda twissi kontra l-konsumiżmu u l-materjaliżmu (Centesimus annus, 1991), u kontra kultura ta’ egoiżmu u konsum bla rażan li twassal għall-esklużjoni tal-foqra u għall-ħsara lill-ħolqien (Laudato si’, 2015). Id-dritt tal-proprjetà għalhekk irid jintgħaraf fil-kuntest usa’ tas-solidarjetà u tal-fraternità umana (ara Fratelli tutti, 2020). Dan ifisser li l-Insara huma msejħa jgħixu l-virtù tal-ġenerożità u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġid. Min għandu ħafna għandu jaqsam ma’ ħaddieħor; min għandu poter ekonomiku għandu jużah b’ġustizzja u ġenerożità (Caritas in veritate, 2009); u kull persuna għandha taħdem biex tinbena soċjetà fejn ħadd ma jkun imċaħħad mill-ħtiġijiet bażiċi tiegħu.
Fr Raymond Zammit