KATEKEŻI 13
Id-drittijiet tal-ħaddiema
L-iskrittura twissi: “La żżommx il-ħlas tal-miskin u l-fqir, sew jekk ikun wieħed minn ħutek, sew jekk ikun wieħed mill-barranin li jkun jgħammar fi bliet artek. Agħtih il-ħlas dakinhar stess, u tħallix ix-xemx tgħib minn fuqu…” (Dewteronomju 24:14-15). Ġesù wkoll ifakkarna li “il-ħaddiem ħaqqu ħlasu” (Luqa 10:7). Ir-rispett lejn il-ħaddiem mhuwiex idea moderna, iżda parti mill-viżjoni Nisranija tad-dinjità tal-bniedem.
Madankollu, it-tagħlim tal-Knisja dwar ix-xogħol beda jiġi żviluppat b’mod aktar sistematiku b’risposta għar-Rivoluzzjoni Industrijali. F’Rerum novarum (1891), Ljun XIII indirizza “il-kundizzjoni tal-klassi tal-ħaddiema” (n. 2) u ddefenda b’mod ċar id-dritt għal paga ġusta u kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi. Huwa saħaq li l-paga ma tistax titħalla biss għall-forzi tas-suq: “hemm prinċipju ta’ ġustizzja naturali ogħla u eqdem minn kull ftehim bejn bniedem u ieħor, jiġifieri li l-paga għandha tkun suffiċjenti biex il-ħaddiem jgħix b’mod sempliċi u onest” (Rerum novarum, 45).
Aktar tard, il-Konċilju Vatikan II kompla jenfasizza li “il-ħlas għax-xogħol għandu jiggarantixxi lill-bniedem u lill-familja tiegħu għajxien xieraq fuq livell materjali, soċjali, kulturali u spiritwali” (Gaudium et spes, 67).
F’Laborem exercens, Ġwanni Pawlu II saħaq li l-ħlas tax-xogħol huwa l-aktar mod importanti biex tiġi żgurata relazzjoni ġusta bejn il-ħaddiem u min iħaddmu, u li paga ġusta hija l-mezz konkret biex tiġi vverifikata l-ġustizzja tas-sistema soċjoekonomika kollha (n. 19). Il-ħaddiema, iżda, għandhom ukoll drittijiet għal diversi benefiċċji soċjali, għall-mistrieħ, għall-pensjoni u għall-kura tas-saħħa, kif ukoll “id-dritt għal ambjent tax-xogħol u għal proċessi ta’ produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa fiżika jew lill-integrità morali tal-ħaddiema” (n. 19). L-Enċiklika titkellem ukoll dwar il-ħaddiema vulnerabbli, bħan-nisa, l-immigranti, il-persuni b’diżabilità u l-ħaddiema agrikoli (n. 19-23).
Il-Knisja tinsisti wkoll fuq id-dritt tal-ħaddiema li jingħaqdu f’unions biex jiddefendu l-interessi tagħhom (Rerum novarum, 49-52) u biex ikollhom sehem aktar attiv fil-ħajja ekonomika. F’ċerti każi, anki strajk jista’ jkun mezz leġittimu biex il-ħaddiema jiddefendu d-drittijiet tagħhom, dejjem wara li jkun hemm tentattivi ta’ djalogu u ftehim (Gaudium et spes, 68; ara wkoll Laborem exercens, 20).
Għalhekk, il-Knisja tfakkarna li l-ekonomija għandha tkun għas-servizz tal-persuna u mhux bil-kontra. Id-drittijiet tal-ħaddiema mhumiex atti ta’ ġenerożità iżda rekwiżiti fundamentali tal-ġustizzja u l-Katekizmu tal-Knisja Kattolika jitrattathom fid-diskussjoni tiegħu taħt il-kmandament “La tisraqx” (n. 2426-2436).
Fr Raymond Zammit