Go to content

Katekezi12 - Jum il-Mulej

KATEKEŻI 12

Il-Ħsieb Nisrani dwar ix-Xogħol: id-Dinjità u l-Għan tax-Xogħol

Wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja huwa li x-xogħol għandu dinjità kbira għaliex hu marbut direttament mad-dinjità tal-persuna. Ix-xogħol mhuwiex biss mezz ekonomiku biex wieħed jaqla’ l-għajxien, iżda wkoll parteċipazzjoni fil-ħidma kreattiva ta’ Alla, mezz kif il-bniedem jifjorixxi, mezz ta’ servizz lejn l-oħrajn u ta’ qdusija.
Fil-Ktieb tal-Ġenesi naqraw li Alla qiegħed lill-bniedem fil-ġnien tal-Għeden “biex jaħdmu u jħarsu” (Ġen 2:15). Dan juri li x-xogħol kien parti mill-pjan ta’ Alla sa mill-bidu tal-ħolqien. Anki jekk sar aktar diffiċli u intrabat mat-tbatija wara li daħal id-dnub, ix-xoghol xorta ma tilifx il-valur tiegħu bħala mezz ta’ żvilupp personali u servizz lejn il-komunità.
Il-Konċilju Vatikan II jispjega li “permezz tax-xogħol tiegħu, il-bniedem normalment isostni lilu nnifsu u lill-familja tiegħu, jingħaqad ma’ ħutu l-bnedmin u jaqdihom, u jista’ jeżerċita karità ġenwina u jkun sieħeb fil-ħidma biex il-ħolqien divin jasal għall-perfezzjoni tiegħu” (Gaudium et spes, 67).
L-aktar trattament komprensiv tal-Papiet dwar ix-xogħol insibuh fl-Enċiklika Laborem exercens (1981) fejn Ġwanni Pawlu II ppreżenta x-xogħol bħala dimensjoni essenzjali tal-eżistenza umana. Id-dimensjoni suġġettiva tax-xogħol dejjem tiġi qabel id-dimensjoni oġġettiva, għax il-valur tax-xogħol ma jitkejjelx primarjament mix-xogħol li jitwettaq, imma mill-fatt li qed jitwettaq minn persuna (ara Laborem exercens, 6). Il-bniedem għandu dejjem jitqiegħed qabel il-kapital u l-profitt ekonomiku, għax il-kapital innifsu huwa frott tal-ħidma tal-bniedem (Laborem exercens, 12).
La darba “sa minn ħolqien tagħna aħna msejħin għax-xogħol”, Papa Franġisku jwissi kontra sistemi li jissostitwixxu lill-bniedem kompletament bit-teknoloġija. “Ix-xogħol huwa neċessità, parti mit-tifsira tal-ħajja fuq din l-art, mezz ta’ kif il-bniedem jikber, jizviluppa u jwettaq lilu nnifsu. L-għajnuna finanzjarja lill-fqar għandha dejjem tkun soluzzjoni proviżorja quddiem bżonnijiet urġenti. L-għan usa’ għandu dejjem ikun li persuni jkunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża permezz tax-xogħol” (Laudato si’, 128). “M’hemmx faqar agħar minn dak li jneħħi x-xogħol u d-dinjità tax-xogħol” (Fratelli tutti,  162).
Għalhekk, it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja jinsisti li x-xogħol jeżisti għall-bniedem, u mhux il-bniedem għax-xogħol. Dan it-tagħlim jibqa’ relevanti ħafna anki fid-dinja tal-lum. Il-Knisja tħeġġeġ lill-gvernijiet, lil min iħaddem u lis-soċjetà biex jipproteġu d-dinjità tal-ħaddiema, jippromwovu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u jiżguraw li kull persuna jkollha opportunità ta’ xogħol dinjituż u stabbli. Dan huwa essenzjali għall-ġustizzja soċjali u għall-paċi vera fost il-popli.




Fr Raymond Zammit
Back to content