KATEKEŻI 11
Ir-Risposta tal-Knisja għall-Bidliet Soċjali u Ekonomiċi
ll-Knisja Kattolika dejjem uriet solidarjetà mal-foqra u mal-persuni vulnerabbli sa mill-bidu tal-Kristjaneżmu. It-teologu Gregory Baum jispjega kif din is-solidarjetà żviluppat matul l-istorja f’ħames stadji differenti, li kollha għadhom jidhru fil-ħajja tal-Knisja sal-lum.
Fl-ewwel stadju, naraw li l-ewwel Insara “kienu jaqsmu kollox bejniethom” u jqassmu skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed (Atti 2:44-45). San Pawl anki organizza ġabra speċjali għall-foqra tal-Knisja ta’ Ġerusalemm (Atti 24:17; ara ukoll 1 Kor 16:1-4; 2 Kor: 8 u 9). Aktar tard żviluppat forma axxetika ta’ solidarjetà, fejn ħafna Nsara rtiraw fid-deżert biex jgħixu ħajja ta’ talb, sempliċità u faqar volontarju bħala identifikazzjoni mal-foqra. Minn din l-esperjenza żviluppat ukoll il-ħajja reliġjuża bil-vot tal-faqar.
It-tielet stadju kien wieħed missjunarju. Fil-foqra, il-Knisja rat persuni li għandhom dritt mhux biss għall-għajnuna materjali iżda wkoll għat-tħabbira tal-Evanġelju. Hawnhekk naraw mhux biss il-ħidma tal-Knisja biex twassal l-Evanġelju lill-pajjiżi foqra, imma anki l-ħidma ta’ diversi Nsara mal-foqra, bħal San Pietru Claver mal-iskjavi, u San Vinċenz de Paul.
Ir-raba’ stadju kien wieħed pastorali hekk kif il-Knisja bdiet toffri servizzi konkreti għall-foqra permezz ta’ skejjel, sptarijiet, shelters u inizjattivi soċjali oħra. Dan kien mod prattiku kif il-Knisja wieġbet għall-bżonnijiet tal-persuni vulnerabbli. Madankollu, il-bidliet ekonomiċi moderni, speċjalment wara r-Rivoluzzjoni Industrijali, ġabu magħhom problemi ġodda. Ħafna ħaddiema kienu sfruttati permezz ta’ pagi baxxi, sigħat twal u kundizzjonijiet inumani. Għall-ewwel, dawn il-problemi kienu jitqiesu biss bħala riżultat tad-dnub personali bħar-regħba jew l-egoiżmu. Iżda maż-żmien il-Knisja għarfet li ħafna inġustizzji kienu mibnija fis-sistemi ekonomiċi u soċjali stess. B’hekk il-Knisja għarfet li l-faqar ma setax jiġi indirizzat biss permezz tal-karità jew tal-għajnuna immedjata. Kien hemm bżonn ukoll ta’ impenn favur il-ġustizzja soċjali u favur tibdil fis-soċjetà sabiex jitnaqqsu l-kawżi tal-faqar, tal-esklużjoni u tal-isfruttament tal-bniedem.
Minn hawn żviluppa l-kunċett tad-“dnub strutturali” jew “strutturi tad-dnub”. Ġwanni Pawlu II, fl-enċiklika Sollicitudo rei socialis (1987), spjega kif dawn l-istrutturi jkomplu joħolqu faqar u esklużjoni. Għalhekk il-Knisja żviluppat “l-għażla preferenzjali favur il-fqar”, li ma tfissirx biss karità lejn il-batut, iżda wkoll impenn biex jinbidlu l-istrutturi inġusti tas-soċjetà. B’hekk, it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja sar tweġiba Nisranija għad-dnub personali u strutturali fis-soċjetà moderna.
Fr Raymond Zammit