Go to content

Katekezi10 - Jum il-Mulej

KATEKEŻI 10

Ġustizzja u Karità: Żewġ Virtujiet għall-Ħajja

lI-ġustizzja u l-karità huma żewġ virtujiet fundamentali tal-ħajja Nisranija u tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja. Il-ġustizzja “hija l-virtù morali li tikkonsisti fir-rieda soda u kostanti li nagħtu lil Alla u lill-proxxmu dak li hu tagħhom” (Katekiżmu, 1807), filwaqt li l-karità hija “l-virtù teologali li biha nħobbu lil Alla fuq kollox u lill-proxxmu tagħna bhalna nfusna għall-imħabba ta’ Alla” (Katekiżmu, 1822).
Għalkemm distinti, dawn iż-żewġ virtujiet huma marbuta mill-qrib u ma jistgħux jinfirdu. Il-ġustizzja tistabbilixxi dak li hu ġust u meħtieġ, filwaqt li l-karità tmur lil hinn mill-obbligu u tagħti dimensjoni personali u umana lir-relazzjonijiet. Il-karità mingħajr ġustizzja tista’ ssir sentimentali u ineffettiva, filwaqt li ġustizzja mingħajr karità tista’ ssir kiesħa u nieqsa mill-kompassjoni. Għalhekk, it-tnejn huma indispensabbli biex tinbena soċjetà li tirrifletti tassew l-imħabba ta’ Alla.
L-Iskrittura tenfasizza din l-għaqda bejn il-ġustizzja u l-imħabba, tant li l-gustizzja fit-Testment il-Qadim tinftieħem bħala fedeltà għal Patt ta’ Alla mal-Poplu tiegħu; hija t-tiġdid ta’ relazzjonijiet u ta’ ordni miksur. Hija, fi kliem ieħor, ġustizzja ‘restorattiva’. “Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: Agħmlu l-ħaqq fis-sewwa; uru tjieba u ħniena bħal aħwa lil xulxin; taħqrux l-armla u l-iltim, il-barrani u l-fqir; tbejjtux fi qlubkom deni għal xulxin” (Żak:7:9-10); “huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-imġiba tiegħek ma’ Alla tiegħek” (Mikea 6:8). Ġesù ukoll ikkmandana nħobbu lil xulxin kif ħabbna hu (Ġwanni 13:34), b’imħabba konkreta u li tidher fl-għemil, filwaqt li San Ġakbu jfakkarna li l-fidi trid tidher fl-azzjoni (Ġakbu 2:17).
Papa Benedittu XVI jispjega: “l-imħabba tmur lil hinn mill-ġustizzja, għax l-imħabba hi għotja, noffri minn dak li hu ‘tiegħi’ lill-ieħor; iżda qatt mingħajr ġustizzja, li ġġegħelna nagħtu lill-ieħor dak li hu ‘tiegħu’ (Caritas in Veritate, 6). Il-ġustizzja tiggwidana f’deċiżjonijiet ġusti u responsabbli, filwaqt li l-karità tmexxina biex naqdu u nħobbu. Flimkien, dawn il-virtujiet jgħinuna nibnu soċjetà aktar ġusta, solidali u umana, fejn ilkoll nuru li aħna aħwa tal-istess Missier.



Fr Raymond Zammit
Back to content