Għid il-Ħamsin - Sena A
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (2:1-11)
Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.
F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: «Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!»
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- VIDEO -
Fr Elija Vella OFMConv.
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
Ir-raba’ ġimgħa tas-Salterju
■ It-Tnejn 25 ta’ Mejju: L-Imqaddsa Verġni Marija, Omm u Xbieha tal-Knisja (TO). Qari: Ġenesi 3:9-15.20; Salm 86:1-3.5-7; Ġwanni 19:25-34.
■ It-Tlieta 26 ta’ Mejju: San Filippu Neri, presbiteru (TO). Qari: 1 Pietru 1:10-16; Salm97:1-4; Mark 10:28-31.
■ L-Erbgħa 27 ta’ Mejju: Ferja / Santu Wistin ta’ Canterbury, isqof (T). Qari: 1 Pietru 1:18-25; Salm 147:12-15.19-20; Mark 10:32-45.
■ Il-Ħamis 28 ta’ Mejju: Sidna Ġesù Kristu, il-Qassis il-Kbir u Etern (F). Qari: Ġenesi 22:9-18; Salm 39:7-8a.10-11ab.17; Mattew 26:36-42.
■ Il-Ġimgħa 29 ta’ Mejju: Ferja / San Pawlu VI, papa (T). Qari: 1 Pietru 4:7-13; Salm 95:10-13; Mark 11:11-26.
■ Is-Sibt 30 ta’ Mejju: Ferja / L-Imqaddsa Verġni Marija f’Jum is-Sibt (T). Qari: Ġuda 17.20b-25; Salm 62:2-6; Mark 11:27-33.
TO = Tifkira Obbligatorja; T = Tifkira; F = Festa.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.